GĦANDEK INFORMAZZJONI dwar tifel jew tifla neqsin? Ċempel 119
Minister For Home Affairs And National Security Carmelo Abela Launches The Amber Alert System In Malta, Where Malta Will Be Joining The European Child Rescue Alert Platform
Malta Police Headquarters

Inawgurata sistema nazzjonali ta’ allerti għal każijiet ta’ tfal neqsin u ta’ tfal maħtufin

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA MAĦRUĠA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ NAZZJONALI – Malta inawgurat uffiċjalment sistema nazzjonali ta’ allerti għal każijiet ta’ tfal neqsin li jkunu fil-periklu u ta’ ħtif tat-tfal. Permezz tas-sistema tal-AMBER Alert, il-Pulizija tista’ tgħarraf lill-pubbliku malajr meta jkollha l-biża’ li l-ħajja ta’ tifel jew tifla li jkunu nħatfu jew għebu tkun f’periklu imminenti. Dan isir bl-użu ta’ firxa ta’ mezzi bħat-televixin, ir-radju, it-tabelli tat-toroq b’avviżi li jinbidlu, it-trasport pubbliku, il-messaġġi bil-mowbajl, l-istrixxuni fuq is-siti elettroniċi, l-iskrins tar-reklami, u l-midja soċjali. B’hekk, il-pubbliku jkun f’pożizzjoni aħjar biex jgħin lill-Pulizija sabiex tifel jew tifla li jkun neqsin u li jkunu jinsabu f’periklu imminenti u serju jinstabu malajr kemm jista’ jkun.

Il-Pulizija Maltija ngħaqdet mal-organizzazzjoni internazzjonali bla skop ta’ qligħ AMBER Alert Europe biex tistabbilixxi s-sistema u tikkollegaha ma’ dik ta’ Stati membri oħrajn tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb li tissaħħaħ il-koperazzjoni transkonfinali bejn il-pulizija u tiżdied l-informazzjoni għall-pubbliku biex jiġu salvati l-ħajjiet tat-tfal neqsin. Malta hija r-raba’ pajjiż li qed jagħmel użu mis-sistema tal-AMBER Alert ipprovduta mill-AMBER Alert Europe wara n-Netherlands, l-Islovakkja, u l-Lussemburgu.

“Tul is-snin, il-kwistjoni tat-tfal maħtufin jew neqsin dejjem ngħatat l-ikbar prijorità mill-Pulzija tagħna, u t-twaqqif tal-AMBER Alert System huwa affermazzjoni oħra tal-impenn tal-Korp tal-Pulizija f’dan il-qasam,” qal il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela, waqt l-inawgurazzjoni uffiċjali li saret fil-kwartieri ġenerali tal-Pulizija,il-Furjana.

Il-Ministru qal li s-sħubija ta’ Malta mal-AMBER Alert Europe m’hix se tkun limitata għall-ħruġ tal-allerti nazzjonali iżda se tikkontibwixxi wkoll għall-prevenzjoni tal-għibien tat-tfal u biex il-ġenituri u l-kustodji tat-tfal ikunu mħejjijin dwar x’għandhom jagħmlu f’każ ta’ għibien tat-tfal.

Huwa ħabbar li l-Pulizija Maltija ngħaqdet ukoll man-netwerk tal-pulizija dwar it-tfal neqsin, li huwa struttura informali li tlaqqa’ flimkien lill-esperti tal-infurzar tal-liġi fil-qasam tat-tfal neqsin u tal-allerti dwar it-tfal, u li tipprovdilhom appoġġ, pariri, u taħriġ speċjalizzati.

“Aħna l-Maltin minn dejjem għożżejna l-valur fundamentali tal-ġid u l-protezzjoni tat-tfal,” qal il-Ministru. “Il-gvern Malti huwa impenjat li jieħu inizjattivi biex jippromwovi l-benesseri tat-tfal u jissalvagwardja l-aħjar interessi tagħhom. Dan se jkun rifless ukoll fil-Presieenza tagħna tal-Kunsill tal-UE, li matulha se nkunu qed naħdmu bis-sħiħ biex naraw aktar żviluppi fil-livell Ewropew dwar il-kwistjoni tat-tfal neqsin.”

Il-Presidenza Maltija se tibni fuq ix-xogħol li bdiet il-Presidenza tan-Netherlands u li komplietu dik Slovakka f’dan il-qasam, billi timbotta ’l quddiem u tkompli tiżviluppa l-kunċett tal-allerti preventivi fil-Grupp ta’ Ħidma dwar Materji Relatati ma’ Schengen u fil-Grupp ta’ Ħidma dwar Materji ta’ Dritt Ċivili. Barra minn hekk, Malta se taħdem mill-qrib ukoll ma’ Stati membri oħrajn sabiex l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti joqorbu aktar lejn xulxin f’dan il-qasam.

L-AMBER Alert System ta’ Malta saret attiva uffiċjament wara li l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela, il-Kummissarju tal-Pulizija, Lawrence Cutajar,  u l-President tal-AMBER Alert Europe, Frank Hoen, iffirmaw il-ftehim ta’ awtorizzazzjoni u sħubija.

Inizjalment hemm 14-il partner li huma diġà ppreparati teknikament biex iwasslu AMBER Alert jekk jinqala’ l-bżonn: l-APS Bank, il-Gozo Channel, il-gazzetta Illum, il-Media.Link Communications, il-Melita Plc, il-portal tal-aħbarijiet Newsbook, il-One Group, il-Public Broadcasting Services, Radju Marija, The Malta Independent, it-Times of Malta, il-Vodafone Malta, u t-Transport Malta. Hemm organizzazzjonijiet oħrajn interessati li jinsabu fil-proċess li jsiru partners sħaħ.

Ġie varat ukoll is-sit elettroniku tal-Amber Alert Malta, amberalert.com.mt, li huwa disponibbli kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż.

Laurence Cutajar, Commissioner of the Malta Police Force and Carmelo Abela, Minister for Home Affairs and National Security

Carmelo Abela, Minister for Home Affairs and National Security and Laurence Cutajar, Commissioner of the Malta Police Force

 

Carmelo Abela, Minister for Home Affairs and National Security

 

Laurence Cutajar, Commissioner of the Malta Police Force, Carmelo Abela, Minister for Home Affairs and National Security and Frank Hoen, President of AMBER Alert Europe