GĦANDEK INFORMAZZJONI dwar tifel jew tifla neqsin? Ċempel 119
Pr161700a 1 1024×512

Malta se tingħaqad mal-pjattaforma Ewropea ta’ allert biex jiġu salvati t-tfal

Fl-ewwel nofs tal-2017 Malta se tibda tuża s-sistema AMBER Alert li se tippermetti lill-Pulizija tagħmel użu minn arranġament strutturat, effiċjenti u rapidu biex tgħarraf lill-pubbliku meta jkun hemm il-biża’ li tifel jew tifla maħtufin jew neqsin ikunu f’periklu imminenti, qal il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela. B’hekk, in-nies se tkun f’pożizzjoni aħjar biex tgħin lill-Pulizija sabiex tfal neqsin li jkunu f’riskju serju u imminenti jinstabu malajr kemm jista’ jkun.

Kull sena fl-UE jiġu rrappurtati neqsin 250,000 tifel u tifla. F’76 fil-mija tal-każijiet ta’ tfal li jinħatfu u jinqatlu, il-qtil iseħħ f’temp ta’ tliet sigħat minn mindu jsir il-ħtif.

Il-Pulizija ta’ Malta qed tikkollabora mal-organizzazzjoni internazzjonali mingħajr skop ta’ qligħ AMBER Alert Europe, li toffri pjattaforma ta’ allert Ewropew biex jiġu salvati t-tfal u network tal-pulizija dwar it-tfal neqsin, bl-għan li tistabbilixxi s-sistema u tikkollega ma’ dik ta’ Stati Membri oħrajn tal-UE. Permezz ta’ dan, titjieb il-koperazzjoni transkonfinali bejn il-Pulizija, u l-pubbliku jkun mgħarraf aħjar biex ikun jista’ jgħin biex jiġu salvati l-ħajjiet tat-tfal neqsin. Malta qiegħda wkoll tikkunsidra attivament tipi oħrajn ta’ koperazzjoni fil-livell Ewropew f’dan il-qasam. Fil-preżent, it-tiftix għal tfal neqsin li jkunu f’periklu imminenti spiss jitlef il-momentum tiegħu malli jasal mal-fruntieri interni tal-UE.

Il-Ministru Abela kien qed jitkellem waqt żjara ta’ kortesija li għamlulu l-President tal-AMBER Alert Europe, Frank Hoen, u l-Koordinatur tan-Netwerk tal-AMBER Alert Europe għall-Esperti tal-Pulizija, Charlie Hedges. Huma kienu Malta għal taħditiet u skambju tal-aħjar prattika mal-Pulizija.

B’kollox hemm 17-il Stat Membru tal-UE li stabbilixxew sistema  ta’ allert dwar tfal li jkunu f’periklu imminenti. Malta se tkun ir-raba’ pajjiż li se tkun qed tagħmel użu mis-sistema tal-AMBER Alert ipprovduta minn AMBER Alert Europe, wara l-Olanda, l-Islovakkja u l-Lussemburgu. Is-sistema tagħmilha possibbli biex bla ebda telf ta’ żmien pajjiż jinvolvi lill-pubbliku fit-tiftix għal tfal neqsin bl-użu ta’ għażla ta’ mezzi bħat-televiżjoni, ir-radju, it-tabelli tat-toroq b’avviżi li jinbidlu, it-trasport pubbliku, il-messaġġi bil-mowbajls, l-imejls, l-istrixxuni fuq is-siti elettroniċi, l-iskrins tar-reklamar fil-pubbliku, messaġġi li jitilgħu meta l-iskrin tal-kompjuter jistrieħ, applikazzjonijiet għall-mowbajls, u l-midja soċjali. Fix-xhur li ġejjin, il-Pulizija se tkun qed issaħħaħ il-kuntatti tagħha fil-komunità sabiex tkun f’pożizzjoni aħjar biex ixxerred  informazzjoni li twassalha biex tgħaddi l-messaġġ lill-pubbliku b’mod effettiv f’każ ta’ allert.

“Il-Maltin minn dejjem għożżew il-valur tal-benesseri u l-ħarsien tat-tfal,” qal il-Ministru Abela. “Il-kwistjoni tat-tfal li jinħatfu jew jonqsu dejjem ngħatat l-ogħla prijorità mill-Korp tal-Pulizija tagħna, u tul il-Presidenza tagħha tal-Kunsill tal-UE Malta se tkun qed taħdem qatigħ għal aktar żviluppi fil-livell Ewropew f’dan il-qasam.”

Huwa faħħar lid-deputati Ewropej Maltin Miriam Dalli u Roberta Metsola li kienu fuq quddiem nett fost grupp ta’ Membri tal-Parlament Ewropew li taw bidu għal dikjarazzjoni bil-miktub sabiex jitwettaq il-pjan ta’ ħames punti li ppreżentat l-AMBER Alert Europe bl-għan li fl-UE jkollna protezzjoni aħjar għat-tfal neqsin li jkunu f’periklu imminenti billi tissaħħaħ il-koperazzjoni transkonfinali f’dan il-qasam. Il-PE approva din id-dikjarazzjoni bil-miktub dan l-aħħar.

Preżenti wkoll għal-laqgħa kien hemm il-Kap tal-Iskwadra Kontra l-Vizzji, is-Supt Dennis Theuma; l-Uffiċjal Responsabbli mit-Taqsima tar-Relazzjonijiet mal-Komunità u mal-Midja, is-Supt Kenneth Haber; iċ-Chief of Staff tal-Ministeru, Anthony Vella-Gregory; il-Koordinatur Politiku tal-Affarijiet Internazzjonali tal-Ministeru, Alessandro Mangion; u l-Koordinatur tal-Ministeru, Josianne Sammut.

pr161700b